Se tingħalaq sala f’Monte Karmeli minħabba każ ta’ coronavirus

Read in English.

Sala f’Monte Karmeli se tingħalaq peress li ħaddiem tas-saħħa li jaħdem fiha ħareġ pożittiv għall-coronavirus. Din il-persuna attendiet għall-party tal-hotel takeover li minnu s’issa ħarġu seba’ każi tal-COVID-19.

Kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa qalet lil Newsbook.com.mt li persuna li ġiet ikkonfermata pożittiv għall-COVID-19 illum huwa healthcare worker fl-Isptar Monte Karmeli.

“Għaldaqstant bħala prekawzjoni din is-sala se tingħalaq u l-pazjenti u staff se jinżammu kwarantina. Se jsir ukoll swab test lill-pazjenti f’din is-sala u staff li ġie f’kuntatt mal-persuna pożittiva,” qalet il-kelliema.

F’Malta llum ġew reġistrati sitt każi ġodda ta’ coronavirus mill-party tal-‘hotel takeover’.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qed tappella mill-ġdid għall-kawtela filwaqt li saħqet li l-messaġġ koerenti għandu jkun li wieħed jevita attivitajiet tal-massa, jieħu l-miżuri ta’ prekawzjoni u jekk ikun hemm indikazzjoni ta’ sintomi wieħed iċempel mill-ewwel 111.

Waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103, Prof. Gauci saħqet li “irridu nibqgħu naħdmu flimkien għax kulħadd għandu kontribut x’jagħmel. Huwa kruċjali li l-messaġġ ikun wieħed koerenti u dejjem l-istess biex il-poplu jkun jaf is-sitwazzjoni kif inhi, jieħu l-prekawzjonijiet li jridu jittieħdu u josservahom”.

Intant tħassar party ta’ 300 persuna li kellu jsir fl-istess lukanda li fiha nstabu l-aħħar seba’ każi tal-coronavirus f’Malta.