Tingħalaq parti perikoluża mill-promenade ta’ San Ġiljan

Parti żgħira mill-promenade ta’ San Ġiljan ingħalqet għall-pubbliku minħabba periklu fl-istruttura. Dan tħabbar aktar kmieni llum fuq Facebook mill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg.

F’post huwa qal li parti żgħira mill-promenade ta’ San Ġiljan  quddiem il-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu ngħalqet bħala miżura ta’ prekawzjoni, wara li l-periti ta’ Infrastructure Malta nnutaw periklu f’din l-istruttura mibnija fl-2003.

Fl-istqarrija l-Ministru qal li permezz tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan u Transport Malta qed jikkolaboraw ma’ Infrastructure Malta biex jinvestigaw x’wassal għal din is-sitwazzjoni.  Dan se jwassal biex imbagħad issir il-ħidma meħtieġa biex din l-istruttura ta’ kolonni u arkati merfugħa fuq il-baħar tiġi rranġata u msaħħa mill-aktar fis.

Il-Ministru temm jgħid li talab sabiex issir spezzjoni tal-istrutturi kollha ta’ dan il-promenade u ta’ oħrajn bħalhom.

Dalgħodu għalaqna parti żgħira mill-promenade ta’ San Ġiljan, quddiem il-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu, bħala miżura ta’…

Posted by Ian Borg on Saturday, August 25, 2018