Aġġornata: Il-mina ta’ Ħal Kirkop magħluqa għal ftit; illejla jkompli x-xogħol

Iż-żewġ korsiji li mill-mina ta' Ħal Luqa jagħtu għal Ħal Kirkop reġgħu nfetħu temporanjament, iżda llejla mistennija jerġgħu jingħalqu għal aktar xogħol t'asfaltar.
Dalgħodu l-Pulizija b'messaġġ fuq Facebook ħabbret fit-8am li l-mina kellha tingħalaq, u għalhekk inġema’ ħafna traffiku fl-inħawi.
Nhar il-Ġimgħa Transport Malta bagħtet stqarrija tgħid li suppost ix-xogħlijiet f’dil-mina kellhom jitlestew sas-Sibt.
Għall-mistoqsijiet li bagħat Newsbook.com.mt, kelliema għal Tranport Malta qalet li wara li lbieraħ tlesta x-xogħol t'asfaltar f'partijiet fi Triq l-Ewwel Titjira, ix-xogħol tkompla filgħaxija.
Dak il-ħin il-kuntratturi sabu li biċċa mill-asfaltar f'dit-triq kellu jerġa' jinqala', u għalhekk dalgħodu kien hemm dil-problema.
Transport Malta avżat biex illejla s-sewwieqa jimxu mad-direzzjonijiet temporanjament imwaħħla.
Ritratt: MRTU