Tingħalaq il-Kappella Sistina: Jibda x-xogħol għall-Konklavi

Minħabba li minn ħin għall-ieħor qed nistennew li titħabbar id-data ta’ meta se jibdew il-Konklavi, fil-Kappella Sistina diġà bdew il-preparamenti għall-elezzjoni tal-Papa.

Filfatt, fis-siegħa tal-bieraħ waranofsinhar, il-Kappella Sistina ngħalqet għall-pubbliku biex għall-25 darba, tkun tista’ tilqa’ wieħed mill-iktar rit sigriet fid-dinja: il-Konklavi.

Grupp ta’ 40 persuna se jkunu qed jarmaw il-Kappella Sistina bl-istess mod li kienet tintrama fis-sekli li għaddew.

Il-Kappella Sistina – li fl-1996 saret uffiċċjalment il-post fejn isiru l-Konklavi – se tkun armata b’115-il siġġu għall-kardinali eletturi, bi 12-il mejda tal-injam.

Quddiem l-altar, taħt il-pittura ta’ Michelangelo, se jkun hemm mejda b’urna li fiha se jinġabru l-voti u anke se jkun hemm il-Vanġelu, biex il-kardinali jkunu jistgħu jieħdu ġurament fuqu.

Il-kardinali mhux se jimxu fuq l-art tal-kappella imma fuq pjattaforma tal-injam, għolja madwar 60 ċentimetru.

Il-Mużew tal-Vatikan speċifikaw li l-kappella se tibqa’ magħluqa sakemm jitħabbar Papa ġdid. Sa dakinhar mhux se jkunu aċċessibbli wkoll l-appartament tal-Borgia u l-kollezzjoni tal-arti reliġjuża moderna.