Filmat: Tingħalaq il-bajja tal-Balluta

Il-bajja tal-Balluta ngħalqet b’mod temporanju wara li naqas ir-ramel minħabba l-maltemp skont il-Gvern.

Fi stqarrija konġunta l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u l-Ministeru għat-Turiżmu qalu li minkejja li naqas xi ramel, xorta fadal biżżejjed. Qalu li ilhom isegwu x’kien qed jiġri mir-ramel fuq il-bajja kważi kuljum. F’Awwissu l-bajja tal-Balluta f’San Ġiljan tkabbret permezz ta’ proġett ta’ żieda tar-ramel. Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li l-bajja tkabbret b’20 metru biex tkun tista’ tiflaħ aktar nies. Skont is-sit Times of Malta, il-proġett ġie jiswa aktar minn €100,000.

L-MTA u l-Ministeru qalu li l-proġett kien wieħed esperimentali u li kien magħmul b’tali mod li tkun tista’ tinġabar informazzjoni dwaru fis-sajf u meta jagħmel il-maltemp. L-informazzjoni se tkompli tinġabar matul ix-xhur li ġejjin. Skont il-Gvern, peress li n-nies għadhom qed imorru jgħumu, aktarx se jerġgħu jpoġġu r-ramel biex jimlew il-vojt li ħalla warajh l-ilma.

Filmat: Noel Farrugia