Tingħalaq fabbrika li kienet tuża laħam skadut fiz-zalzett

Fit-tramuntana tal-Polonja, fabbrika li tipproċessa l-laħam ingħalqet wara li nstab li kienet qed tuża laħam skadut fiz-zalzett. Dan kollu sar magħruf waqt programm televiżiv meta ħaddiema tal-fabbrika qalu li laħam minn zalzett skadut kien jitnaddaf, jitnixxef u jiżdied ma’ prodotti ġodda.
Fuq l-istazzjoni TVN24 intwera filmat ta’ zalzett b’kulur ħadrani. Impjegat tal-fabbrika, li baqa’ anonimu, spjega kif minflok ma kienu jinqerdu, tunnellati ta’ laħam ‘antik’ kienu jiżdiedu ma’ prodotti friski.
Il-kap tas-servizzi veterinarji qal li spetturi tas-saħħa intbagħtu fil-fabbrika li ingħalqet mill-ewwel. Is-sidien tal-fabbrika ċaħdu li kienu qed jagħmlu xi ħaġa ħażina. Din il-fabbrika kienet tesporta prodotti tal-laħam lejn swieq fl-Unjoni Ewropea.