Tinfirex il-vjolenza domestika madwar Malta

Fl-aħħar sena kien hemm żieda fin-numru ta' offiżi relatati ma' vjolenza domestika u żdied ukoll il-pickpocketing.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, il-Professur Saviour Formosa tkellem dwar riċerka li għamel fuq ir-rapporti li jsiru.
Spjega li l-liġi li ġiet implimentata fl-2007 għamlet differenza fiż-żieda ta' rappurtaġġ ta' vjolenza fid-dar.
Il-lokalità, qal il-Prof. Formosa, tagħmel differenza u turi wkoll li m'għadx hemm żona partikolari li turi attività iktar minn oħra, hekk kif il-figuri juru tibdil.
Kompla jgħid li vjolenza domestika tinkludi grievious bodily harm, stalking u vjolenza psikoloġika.
Dwar vjolenza sesswali, il-Prof. Formosa qal li hu interessanti li dan jibqa' mistur, sfortunament minħabba li ħafna mid-drabi dan isir minn persuna li l-vittma tkun taf.
Cyber-bullying spjega l-Prof. Formosa, hu mistenni li jiżdied, u kkummenta li jkun inkwetanti jekk ma jkunx hekk, għaliex ifisser li n-nies ma jkunux qed jindunaw li qed ikunu attakkati onlajn.
Żied li kien hemm ċirku ta' barranin li ġie Malta għal pickpocketing, u irnexxielu jiġi mkisser mill-Pulizija.

Minkejja dan iżda xorta għad hemm numru ta' każijiet ta' pickpocketing partikolarment f'lokalitajiet frekwentati minn persuni barranin li jgħixu Malta, li juri żieda.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Carmelo Abela faħħar il-ħidma tal-Pulizija, li fi snin li għaddew wettqu ħidma li waqqfet ċrieki ta’ serq kif ukoll bdiet tnaqqas il-kriminalità f’lokalitajiet differenti.
Mistoqsi dwar il-Panama u l-mozzjoni ta’ nhar it-Tnejn, il-Ministru Abela wieġeb li jinsab fiduċjuż fil-Gvern u fid-deċiżjoni li se jieħu l-Prim Ministru.
Temm jgħid li se jivvota kontra l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni.

Ritratti: DOI Jeremy Wonnacott