Tinfetaħ Triq Sant’Antnin f’Għajnsielem

Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri inawguraw il-bini mill-ġdid ta’ Triq Sant’Antnin, f’Għajnsielem, b’investiment ta’ €2 miljun.

Dan il-proġett fuq din it-triq arterjali li tgħaqqad il-Port tal-Imġarr mal-Qala u ma’ Għajnsielem kien mifrux fuq medda ta’ 800 metru. Ix-xogħol kien jinvolvi wkoll xogħol relatat ma’ servizzi ġodda bħal networks tal-komunikazzjoni, servizzi ġodda ta’ ilma, drenaġġ u elettriku u culverts għall-għargħar minħabba li minnha jgħaddi ħafna ilma tax-xita minn Għajnsielem, min-Nadur u mill-Qala.

Il-proġett kien jinvolvi wkoll il-bini ta’ bankini ġodda u ta’ ħitan ta’ lqugħ biex tissaħħaħ it-triq, bini ta’ ħitan tas-sejjieħ u żewġ saffi asfalt.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela qal li Għawdex “kien, għadu u se jibqa’ prijorità għal dan il-gvern”. Min-naħa tiegħu l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-Gvern qed ikompli jtejjeb l-infrastruttura u kif inhi l-wiegħda tal-Gvern qed isir xogħol biex iżommu mat-terminu taż-żmien u l-proġetti jitlestew fl-iqsar żmien possibbli u bl-inqas inkonvenjent għar-residenti.