Filmat: Tinfetaħ sejħa pubblika għal ħelikopter bejn Malta u Għawdex

Read in English.

Il-kumpanija tal-gvern Malta Air Travel Ltd, jew kif inhi magħrufa aktar Malta Medair, ilbieraħ nediet uffiċjalment sejħa pubblika għall-proposti biex jintgħażel operatur li jipprovdi servizz ta’ ħelikopter bejn Malta u Għawdex.

Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għat-Turiżmu u mill-Ministeru għal Għawdex, wara li l-introduzzjoni ta’ dan is-servizz tħabbret mill-Ministri Konrad Mizzi u Justyne Caruana waqt żjara fil-Heliport ta’ Għawdex. Il-Ministru Mizzi qal li issa ġie konkluż ix-xogħol preparatorju u konsultattiv kollu, kemm mil-lat tekniku u anke minn dak legali u finanzjarju. Qal li issa hemm bżonn li jinstab operatur li jħaddem servizz ta’ ħelikopter li jokkupa mill-inqas 15-il passiġġier. B’hekk tkun qed tiġi offruta konnettività alternattiva li tieħdok direttament u fi ftit minuti mill-Ħeliport ta’ Għawdex għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Il-Ministru Mizzi semma wkoll numru ta’ benefiċċji fosthom konnettività aħjar internazzjonalment kemm għall-Għawdxin, kif ukoll għall-barranin, li jkun hemm konnettività għal skopijiet ta’ turiżmu u li jiġi assigurat servizz Malta u Għawde f’każ ta’ emerġenza.

Min-naħa tagħha, il-Ministru Caruana qalet li saru studji neċessarji biex jiġi identifikat il-mudell ekonomiku l-aktar adattat biex jingħata dan is-servizz. Qalet li dan is-servizz se jingħata bi skeda.

Id-dokument tal-proposti jista’ jinkiseb permezz ta’ talba b’email fuq l-indirizz enquires.gozoairlink@maltamedair.com. Il-kumpanija se tkun qed tirċievi l-proposti għal dan is-servizz fit-18 ta’ Ġunju 2019 bejn id-9am u s-2pm fuq proposals.gozoairlink@maltamedair.com jew b’mod personali fl-uffiċini tal-Malta Med Air f’dan l-indirizz, “Administration Block A – Aviation park, Aviation Avenue Luqa 9023”, bit-titlu ‘REQUEST FOR PROPOSALS FOR THE PROVISION OF PASSENGER AND BAGGAGE AIR TRANSPORT SERVICES BETWEEN MALTA AND GOZO’.