Tinfetaħ mill-ġdid l-iskema ta’ restawr ta’ postijiet storiċi

Infetħet mill-ġdid l-iskema ta’ restawr għal postijiet storiċi fl-ibliet u l-irħula.
Permezz ta’ din l-iskema, il-kunsilli lokali jkunu jistgħu jidentifikaw post storiku li jkollu bżonn xi xogħlijiet ta’ restawr, u wara li japplikaw jidħol id-Direttorat tar-Restawr li jieħu ħsieb ix-xogħlijiet.
L-applikazzjonijiet iridu jgħaddu mill-Kumitat tal-Għażla magħmul minn esperti fil-qasam, u uffiċjali tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali li, b’mod partikulari, jikkunsidraw il-valur storiku u artistiku tas-sit propost, l-istat ta’ konservazzjoni u l-viżibbiltà tas-sit jew proġett.
L-applikazzjonijiet iridu jaslu sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Settembru f’nofsinhar.
Fi stqarrija l-Ministeru għall-Kultura qal li b’din l-iskema l-Gvern ikompli jipproteġi u jsaħħaħ l-wirt storiku tal-pajjiż, sa mil-livell ta’ komunità.
Fost il-postijiet storiċi li bbenefikaw minn din l-iskema fis-snin li għaddew hemm il-Mina ta’ De Rohan f’Ħaż-Żebbuġ, il-Kappella ta’ San Ġwann tal-Għargħar, f’San Ġwann, u l-kappella ta’ Santa Luċija, f’Santa Luċija.
Fil-ġimgħat li ġejjin se jinbeda ix-xogħol fuq dawk is-siti li ntgħażlu mit-tieni sejħa, fosthom il-Pont tal-Prinċep ta’ Wales f’Tas-Sliema, il-kappella ta’ Sant Anna f’Wied il-Għajn, u l-Mina ta’ Hompesch f’Ħaż-Żabbar.