Tinfetaħ l-Ambaxxata ta’ Malta fil-Ġappun

Read in English.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej ħabbar li l-Ambaxxata ta’ Malta fil-Ġappun ilbieraħ uffiċjalment fetħet il-bibien tagħha.

Fi stqarrija l-Ministeru qal li Malta u l-Ġappun ilhom igawdu minn rabtiet bilaterali eċċellenti sa mit-twaqqif ta’ relazzjonijiet diplomatiċi fil-15 ta’  Lulju 1965.

Permezz ta’ intensifikazzjoni fil-kuntatt bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi matul l-aħħar ftit snin, ittieħdet id-deċizjoni li tinfetaħ ambaxxata f’Tokyo. Din id-deċiżjoni tħabbret għall-ewwel darba f’Novembru 2018.

Il-Ministeru stqarr li huwa sinjal ta’ suċċess li l-ftuħ ta’ din l-ambaxxata ħabat mal-55 anniversarju mit-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi, u indikazzjoni ċara li Malta tħares lejn il-Ġappun bħala sieħeb importanti, kif ukoll mexxej notevoli fl-affarijiet dinjija.

L-Ambaxxata ta’ Malta fil-Ġappun hija preseduta mill-Ambaxxatur Andre Spiteri.