Tinfetaħ konsultazzjoni pubblika dwar saħħa u sigurtà waqt attivitajiet pubbliċi

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol se tkun qed tagħmel analiżi tal-qafas regolatorju fejn tidħol saħħa u sigurtà waqt attivitajiet pubbliċi.
Dan wara li l-Gvern nieda konsultazzjoni pubblika dwar aktar saħħa u sigurtà, wara l-inċident ta’ Paqpaqli għall-Istrina f’Ottubru li għadda, u sussegwentament anke wara dak f’Paceville ftit ġimgħat wara.
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Helena Dalli qalet li wara li tlesta r-rapport ta’ Mark Gauci, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, kien deċiż li jinħatar grupp ta’ ħidma bis-sehem ta’ membri mill-Korp tal-Pulizija u mill-Protezzjoni Ċivili fost oħrajn, bil-għan li jevalwa s-suġġerimenti u r-reazzjonijiet li se jidħlu mill-konsultazzjoni pubblika.
Il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern huwa miftuħ għad-diskussjoni, u deċiżjoni f’dan ir-rigward għandha tittieħed wara li jkunu evalwati l-pariri tal-esperti u tal-istakeholders involuti.