Tinfetaħ konsultazzjoni pubblika dwar it-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija

Ġiet imnedija konsultazzjoni pubblika fuq il-Politika Nazzjonali tat-Tagħlim tal-Malti bħala Lingwa Barranija fil-Qafas tal-Bilingwiżmu u l-Plurilingwiżmu.

Skont stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, din il-politika hi mibnija fuq il-Politika Lingwistika tas-Snin Bikrin f’Malta u Għawdex li kienet ġiet ippubblikata mill-Ministeru għall-Edukazzjoni fl-2016 u fuq L-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd ippubblikata fl-2014.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li dan hu pass importanti għat-tisħiħ tal-Malti. Hu saħaq fuq kemm hu importanti li jsir aktar produzzjoni ta’ kontenut bil-Malti minħabba li s-settur diġitali qed jiffaċċja sfidi kbar dwar dan. Hu qal li hemm bżonn isir aktar investiment f’dan il-qasam.

Is-Segretarju Permanenti Frank Fabri saħaq li dan id-dokument konsultattiv dwar it-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija hu mibni fuq il-Qafas Komuni Ewropew għat-Tagħlim u l-Assessjar tal-Lingwi.

Il-konsultazzjoni se tibqa’ miftuħa sa tmiem Ottubru. Kulmin hu involut f’dan il-qasam, b’mod partikolari l-edukaturi, il-ġenituri u l-istudenti huma mħeġġa jibagħtu l-kummenti tagħhom b’ittra elettronika lil: mflpolicy@gov.mt jew bil-posta lill-Kumitat tal-Politika Nazzjonali tat-Tagħlim tal-Malti bħala Lingwa Barranija fil-Qafas tal-Bilingwiżmu u l-Plurilingwiżmu, Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu, Triq Ġużè Abela Scolaro, Il-Ħamrun HMR 1304.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur http://edu.gov.mt/malteseconsultation