Tinfetaħ ir-roundabout tal-Kappara

Mil-lum, vetturi jistgħu jużaw ir-rounabout il-ġdida tal-Kappara biex imorru bejn il-Gżira u San Ġwann.
Il-konnessjoni bejn iż-żewġ lokalitajiet, li kienet inqagħtet malli beda l-proġett tal-Kappara xhur ilu, reġgħet daħlet fis-seħħ.
Il-ħaddiema lestew ix-xogħol tal-asfalt madwar ir-roundabout ilbieraħ u żebgħu il-linji fit-triq dalgħodu, biex jippermettu lilll-vetturi jgħaddu mir-roundabout u miż-żewġ pontijiet mingħajr xkiel.   
Is-sewwieqa issa jistgħu jużaw il-biċċa l-kbira tal-proġett kif kien ippjanat, billi jużaw il-pontijiet biex imorru bejn iż-żona ta’ Paceville u l-Belt Valletta direttament, mingħajr ma jkunu mxekkla mit-traffiku li qed jaqsam bejn San Ġwann u l-Gżira, kif kien jiġri qabel il-proġett.
Slip road waħda se tibqa’ inaċċessibli għalissa.  L-islip road bejn San Ġwann u San Ġiljan se tibqa’ magħluqa sakemm il-ħajt tad-djar fil-viċin jitlesta, matul il-ġranet li ġejjin.
Transport Malta tħeġġeġ lis-sewwieqa biex isuqu bil-galbu mis-sit minħabba li ħaddiema se jibqgħu jinstallaw għamara tat-triq u senjaletika fiż-żona.
Il-kuntrattur tal-Proġett tal-Kappara beda l-aħħar irtokki biex il-proġett ikun lest minn kollox sal-aħħar tas-sena.
Bħalissa qed jingħataw l-aħħar żewġ saffi t’asfalt, qed jiġu installati sound barriers u s-sinjali tat-traffiku.
Fl-aħħar jiem tlesta wkoll ix-xogħol fuq il-bankini u l-underpasses filwaqt li l-karreġġjati għar-roti ġew iffurmati.

Ritratti: TM