Tinfetaħ investigazzjoni fuq Yorgen Fenech fi Franza

REUTERS Yara Nardi

Yorgen Fenech qed jiġi investigat fi Franza biex jinstab jekk flus mill-assi tiegħu fil-pajjiż intużawx biex jiffinanzjaw l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Dan tħabbar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Prosekutur Finanzjarju fi Franza wara lment imressaq minn ulied Daphne u żewġha, kif ukoll Reporters Without Borders, organizzazzjoni tal-ġurnalisti li tiġġieled għal-libertà tal-espressjoni. L-ilment sar f’Diċembru li għadda b’rabta ma’ “kompliċità fl-assassinju” u “korruzzjoni.”

Fenech huwa wieħed mis-sidien ta’ lukanda fi Franza u għandu għadd ta’ stalel taż-żwiemel fejn iżomm iż-żwiemel tiegħu tat-tiġrijiet.

L-għan tal-investigazzjoni huwa li jinstab jekk l-attivitajiet ekonomiċi Franċiżi ta’ Fenech kinux is-sors ta “tixħim ta’ uffiċjali pubbliċi barranin.”

Yorgen Fenech huwa suspettat li huwa l-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista. L-assassinju seħħ fis-16 t’Ottubru tal-2017 barra darha fil-Bidnija. Fil-Qorti s’issa ħareġ illi Fenech ħallas €150,000 biex isir il-qtil.

Ir-riżultati ta’ din l-investigazzjoni għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet ġudizzjarji u investigattivi Maltin.