Tinfetaħ faċilità korrettiva għal żgħażagħ ta’ taħt il-21 sena

Infetaħ ċentru ġdid fl-Imtaħleb għal żgħażagħ taħt il-21 sena biex ma jibqgħux jiskontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jew l-Isptar Monte Carmeli.
Iċ-ċentru huwa estensjoni tal-binja li diġà hemm, u x-xogħol sar kollu fi żmien għaxar xhur.
B’kollox inbnew tnejn u għoxrin ċella, b’sittax għall-ġuvintur u sitt ċelel għat-tfajliet. Żewġ ċelel huma wkoll aċċessibbli għall-persuni b’diżabbilità.
B’kollox, dan iċ-ċentru se jkun jista’ jilqa’ fih sa massimu ta’ 50 resident. Inbnew ukoll faċilitajiet edukattivi, sportivi, kmamar għall-viżitaturi kif ukoll kmamar għas-servizzi tal-professjonisti.
Se jkun offrut ukoll is-servizz ta’ terapija The Incentive and Earned Privilige System li se tintroduċi livelli differenti ta’ inċentivi, u li se tara żieda fil-privileġġi lir-residenti għal meta jilħqu l-miri identifikati għalihom fil-pjani ta’ kura mfassla skont il-ħtiġijiet individwali tagħhom.
Fl-istess waqt se tara tnaqqis fil-privileġġi lil dawk ir-residenti li ma jkunux f’konformità mal-pjani ta’ riforma ppreparati apposta għalihom fl-ewwel jiem tagħhom fil-faċilità.
Preżenti għall-ftuħ kien hemm il-Prim Ministru, Joseph Muscat, il-Ministru tal-Intern, Carmelo Abela, u s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza, ian Borg.
Bħalissa ħdax-il resident taħt il-21 sena, kollha kemm huma ġuvintur, qegħdin jiskontaw sentenza. Sitta minnhom huma ta’ nazzjonalità Maltija, u l-ħamsa l-oħra huma ta’ nazzjonalità barranija.
Ritratt: Ian Noel Pace