Tinfetaħ wirja tal-arti b’risq l-ALS

Infetħet eżebizzjoni minn Caffe Cordina b’risq il-Fondazzjoni ALS.
Il-wirja, li se jkun fiha pitturi minn Mark Mallia, ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, u s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018, Deo Debattista.
Il-Ministru Bonnici spjega kif eżebizzjonijiet bħal dawn huma opportunità għall-artist li jeżebixxi t-talenti tiegħu u opportunità biex in-nies jixtru pitturi mill-isbaħ għad-djar tagħhom.
Fl-istess waqt l-arti tkun qed tintuża bħala għodda ta’ solidarjetà u għajnuna lil min hu fil-bżonn.
“L-arti tista’ sservi wkoll bħala mezz ta’ solidarjetà u għajnuna lil min hu fil-bżonn”, qal Bonnici.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Debattista qal li l-arti hija xi ħaġa pożittiva li tista’ twassal għal affarijiet pożittivi bħal għajnuna lil min ibati minn kundizzjonijiet mediċi bħall-ALS.
Iż-żewġ Membri Parlamentari faħħru lill-ALS Malta għax-xogħol siewi li qed tagħmel sabiex tgħin lill-persuni li jbatu minn din il-kundizzjoni u awguraw aktar ħidma siewja lill-għaqda, b’mod speċjali lil Bjorn Formosa li fil-ġlieda tiegħu mal-marda tal-ALS qed jagħmel ħafna ġid b’inizjattivi bħal dawn.
Il-pubbliku li jattendi din l-eżebizzjoni jista’ jixtri l-biċċiet tal-arti eżebiti bil-flus imorru bħala donazzjoni lil ALS Malta.
Din l-eżebizzjoni se tibqa’ miftuħa sa għada.