Tinfetaħ dar oħra għal persuni b’diżabbiltà

Se tinfetaħ is-sitt residenza mill-Gvern li fiha se jkunu milqugħin 3 adulti b’diżabbiltà, u dan bħala parti mill-Proġett Soċjetà Ġusta.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabbiltà, Anthony Agius Decelis, fetaħ Dar Ave Maria fil-Marsa waqt konferenza tal-aħbarijiet , fejn qal ukoll li se jkun hemm iduru magħhom 20 persuna 24 siegħa kuljum.
Agius Decelis enfasizza l-importanza li jinfetħu residenzi bħal ma nfetħet illum għaliex dawn jagħmlu differenza fil-ħajja tal-persuni b’diżabilità u tal-familjari tagħhom għax joffru l-possibiltà ta’ ħajja indipendenti.
Barra minn dir-residenza, hemm 3 oħra f’Malta u 2 f’Għawdex.
Skont is-Segretarju Parlamentari, dawn id-djar jgħinu lill-persuna b’diżabbiltà tintegra fis-soċjetà u tkun attiva fil-ħajja ta’ kuljum.
Temm jgħid li jħares b’ottimiżmu sabiex jinfetħu tnejn oħra f’Pembroke u Ħaż-Żabbar.
Ritratt: DOI – Jason Borg