Tindif tal-widien iwassal għall-ġbir ta’ 250 tunnellata ta’ materjal

Il-Ministeru għall-Ambjent ħabbar li waqt ħidma ta’ tindif tal-widien Maltin inġabru mal-250 tunellata ta’ materjal.

Fi stqarrija ġie spjegat li l-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera tkellem dwar il-ħidma mill-Valley Management fi ħdan Ambjent Malta sabiex jiġu mnaddfa u riabilitati l-widien u tneħħa skart mormi illegalment u pjanti invasivi.

Il-widien huma:

  • Wied is-Sewda, Wied iċ-Ċawsli u Wied il-Kbir f’Ħal Qormi
  • Wied il-Qirda, Wied Baqqiegħa, Wied ta’ San Martin u Wied Sant’Anton F’Ħaż-Żebbuġ
  • Wied Ħesri u Wied il-Girgenti fis-Siġġiewi
  • Wied Għomor, fis-Swieqi
  • Wied Għar id-Dwieb u Wied il-Qlejjgħa fir-Rabat
  • Wied Għammieq fil-Kalkara
  • Marsa Sports Ground Channel, il-Marsa
  • Wied Blandun, limiti tal-Fgura/Paola

Il-Ministru qal ukoll li f’Lulju ta’ din is-sena bdiet ħidma f’Wied il-Mistra minn Ambjent Malta. Ġie spjegat li x-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni jinkludu t-tneħħija f’fażijiet ta’ qasab li qed jikkawża għargħar fil-madwar. Il-qasab se jiġi sostitwit bi pjanti indiġeni. Wara t-tneħħija tal-qasab se jiġu restawrati il-ħitan tas-sejjieħ eżistenti sabiex jitnaqqas it-telf tal-ħamrija u l-akkumulazzjoni tal-materjal fil-kanal tal-ilma. Il-proġett se jinvolvi wkoll ħolqien mill-ġdid ta’ abitat tal-ibħra mielħa li jinsab fil-Bajja tal-Mistra u li jifforma parti mis-sit Natura 2000 tax-Xagħra tal-Kortin.

Intant fil-ġimgħat li ġejjin se jibda x-xogħol fuq il-Kanal tal-Marsa sabiex jitneħħa materjal u skart mormi illegalment fis-sit.