Tindif Kemmuna: Il-pulizija tinvestiga. Il-Ministeru: ‘In-nies ma jintgħarfux’

Il-pulizija ta’ Għawdex għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha wara filmat li xxandar fuq Newsbook.com.mt, juri ħaddiema, allegatament beach cleaners, jikinsu l-iskart kollu fil-baħar f'Kemmuna.

Dan minbarra storbju kbir ikkawżat minn mutur li l-ħaddiema użaw biex tellgħu l-ilma mill-baħar biex inaddfu x-xtajta.

Newsbook jinsab infurmat li l-pulizija qed tkellem lill-beach cleaners konċernati.

Għall-mistoqsijiet ta' Newsbook dwar jekk il-Ministeru ta' Għawdex hux se jieħu azzjoni kontra dan l-aġir, kelliem għall-Ministeru qal biss li fil-filmat, il-persuni li qed inaddfu jidhru mill-bogħod u ma jistgħux jingħarfu. 

Madankollu, minn informazzjoni li għandu dan is-sit, huwa biss grupp żgħir ta' madwar ħames ħaddiema li hu responsabbli mit-tindif f’Kemmuna. 

Il-Ministeru għal Għawdex, li hu responsabbli mit-tindif f'Kemmuna, ma weġibx jekk it-tindif hux qed isir b’mod differenti wara li xxandar dan il-filmat.

Il-persuna li ġibdet il-filmat stqarret ma' Newsbook.com.mt li stħat bl-aġir ta’ dawn il-ħaddiema, b’mod partikolari fil-preżenża tat-turisti li ġew igawdu l-gżejjer Maltin fl-eqqel tal-istaġun tas-sajf. 

Ħalli l-kumment tiegħek hawn taħt.