Tinbiegħ ingwanta ta’ Michael Jackson

L-ingwanta l-bajda li kienet tintlibes mill-kantant Michael Jackson inbiegħet għal £85,000 f’irkant f’Texas li sar dan l-aħħar.

Bosta fans ta’ dan il-kantant li miet ta’ 50 sena fl-2009 kienu mġenna biex jaraw din l-ingwanta miżgħuda bil-kristall. Michael Jackson libes l-ingwanta ħafna drabi fuq il-palk u fil-filmati waqt li kanta l-kanzunetti klassiċi tiegħu, fosthom il-famuża Billie Jean. Fil-fatt l-ingwanta saret parti integrali mill-ilbies tiegħu waqt li kien għaddej bil-wirjiet li kien ikollu.

Meta Michael Jackson kien mistoqsi għaliex ikollu ingwanta waħda biss kien wieġeb li b’ingwanta waħda jħossu cool.

“Kieku jkolli tnejn inkun ordinarju,” kien wieġeb.

 L-ingwanta nxtrat minn xi ħadd li waqt l-irkant baqa’ anonimu. Is-sid il-ġdid irċieva wkoll ittra li turi li l-ingwanta kienet ingħatat b’donazzjoni lill-UNICEF ​​fl-1998.