Tinbidel is-sentenza tal-mara li kienet se teħel 5 snin ħabs

Il-mara li kienet tista’ teħel sa 5 snin ħabs, wara li tajret żewġ anzjani u kawża ta’ dan qatlet wieħed minnhom, inbidlitilha s-sentenza għal sitt xhur ħabs sospiżi għal sena fil-Qorti tal-Appell.
Il-Qorti tal-Appell sabet lil Dorianne Camilleri, ta’ 35 sena ħatja tal-qtil involontarju ta’ Alfred Zahra ta’ 64 sena, iżda illiberatha mill-akkużi dwar il-feriti gravi fuq oħtu. Il-Qorti kkonfermat ukoll li s-sewqan ta’ Camilleri meta seħħ l-inċident lura fl-2011 ma kienx wieħed xieraq.
Il-każ ta’ Camilleri wassal għal tibdiliet fil-liġi
Is-sentenza li ingħatat lil Dorianne lura fil-bidu tal-2017 wasslet sabiex tibda petizzjoni biex issir emenda fil-liġi. Liema petizzjoni kienet ġabret mas-27,000 firma.
Il-liġi ta’ minimu ta’ ħames snin priġunerija għall-inċidenti tat-traffiku involontarji li jinvolvu aktar minn vittma waħda tneħħiet f’Marzu tal-2017.
Il-Kumitat tal-Kamra għall-Kunsiderazzjonijiet tal-Liġijiet approva l-bidla f’din il-liġi li biha Camilleri kienet ingħatat ħames snin ħabs wara li nstabet ħatja li qatlet b’mod involontarju anzjan u li darbet lil oħtu f’inċident tat-traffiku fl-2011.