Tinbidel is-sentenza ta’ żagħżugħ li kkaġuna mewt ta’ mara

Il-Qorti tal-Appell biddlet is-sentenza ta’ żagħżugħ li kien instab ħati li kkaġuna l-mewt ta’ mara f’ħabta fin-Naxxar. Hija ssospendietlu l-liċenzja tas-sewqan għal tliet snin minflok għal tliet xhur.
Iż-żagħżugħ ta’ 26 sena kien qed isuq vann nhar id-9 ta’ Lulju, 2010 meta ħabat ma’ karozza misjuqa minn Rosianne Azzopardi, li dak iż-żmien kellha 26 sena. Hija kienet tilfet ħajjitha mad-daqqa. It-tarbija li kellha magħha ma kien ġralha xejn.
Huwa kien instab ħati li bi traskuraġni kkaġuna l-mewt ta’ Azzopardi u kien ġie ordnat iservi 350 siegħa xogħol fil-komunità, immultat €80 u kellu l-liċenzja sospiża għal tliet xhur.
L-Avukat Ġenerali kien appella mis-sentenza wara li qal li s-sospensjoni tal-liċenzja ma kinitx tirrifletti l-gravità tal-każ.
Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima laqgħet it-talba tal-Avukat Ġenerali.