Tinbeda petizzjoni biex jitwaqqfu l-attivitajiet tal-massa

Aġġornat 09:08 AM

Xi nies bdew petizzjoni sabiex ma jibqgħux isiru attivitajiet kbar f’Malta li fihom jinġabru folol ta’ nies.

Dan wara li llum tħabbru 14-il każ ġdid tal-coronavirus, numru ferm ogħla min-numri ta’ każijiet ġodda li kien qed ikollha f’Malta l-aħħar ġimgħat. Wara li l-għadd ta’ każijiet attivi kien qorob lejn iż-żero, tul il-ġimgħa li għaddiet feġġew xi każijiet ġodda, b’sitta f’jum, u issa, illum, 14-il każ f’jum wieħed.

Meta ħabbar l-għadd ta’ każijiet, il-Ministeru tas-Saħħa ma speċifikax id-dettalji tagħhom, iżda qal li se jingħataw id-dettalji fi stqarrija aktar tard illum.

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li xi każi jistgħu possibilment joħorġu minn festa f’Ghawdex hekk kif ghadd ta’ persuni li attendew il-marċ kienu qed jiġu mħeġġa jmorru jaghmlu t-test. Aktar tard il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri kiteb fuq Facebook li l-ebda minn dawn il-każijiet il-ġodda ma kien marbut mal-marċ ta’ San Ġorġ f’Għawdex, u li l-ebda każ ma kien f’Għawdex.

Il-petizzjoni li nbdiet illum s’issa ġabret ‘il fuq minn 1,600 firma. Min bdieha kiteb illi issa li l-coronavirus donnu reġa’ qed jitqawwa f’Malta, se nitilfu dak kollu li ħdimna għalih.

Intant, f’diskors li għamel illum il-Prim Ministru Robert Abela kkundanna lil min ibeżża’ “b’xi każ jew tnejn tal-coronavirus.” Huwa qal li żamm kelmtu meta kien qal li dan is-sajf se jkun jista’ jitgawda.

Xi għaqdiet qed jieħdu l-inizjattiva minn jeddhom sabiex ma jorganizzawx marċi jew festini kbar din is-sena minħabba l-pandemija.

Pereżempju ż-Żgħażagħ Brijużi Dinglin ħabbru li din is-sena mhumiex se jorganizzaw briju fil-marċi u lanqas il-majjalata annwali, peress li ħassew li jkun aħjar li jagħmlu sagrifiċċju minħabba li s-saħħa tiġi l-ewwel.

Għeżież Dinglin, u dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-festa ta' Santa Marija ta’ Ħad-Dingli,Nixtiequ ninfurmawkom…

Posted by Żgħażagħ Brijużi Dinglin on Wednesday, July 22, 2020

Il-festival annwali Summerdaze, li jittella’ fis-sajf u normalment iġib għadd ta’ artisti barranin f’Malta, din is-sena tħassar ukoll, u tħabbar li se jittella’ fl-2021.

Jekk taqbel mal-petizzjoni, tista’ tiffirma hawn.