Tims Ingliżi f’xifer il-falliment

Gary Sweet, iċ-Chief Executive ta’ tim ta’ Luton Town, wissa li l-futur tal-klabbs tal-futbol Ingliżi jinsabu mhedda b’falliment f’kull livell jekk ma jkunx hemm pakkett ta’ għajnuna mgħaġġel mill-awtoritaijiet tal-futbol biex joħodha kontra l-impatt tal-Covid-19.

Gary Sweet kien il-qalb tat-tim minn Luton li għollihom mil-livell ta’ non-league saċ-Championship u għalhekk għandu esperjenza tajba tad-diffikultajiet li jiltaqgħu t-tims  f’kull livell tal-futbol Ingliż. Mhux ta’ b’xejn li huwa konċernat serjament hekk kif is-sospensjoni tal-logħbiet fl-Ingilterra jidħol fit-tieni xahar.

Huwa qal li l-klabbs li qegħdin fil-leagues il-baxxi huwa vulnerabbli ħafna għaliex dawn  jiddependu ħafna mid-dħul mill-biljetti iżda mbagħad, dawk li qegħdin fil-leagues l-għoljin, għandhom spejjeż kbar biex ilaħħqu mal-ispejjeż bħal ħlas lill-plejers.

“Aħna f’Luton ma tantx għandna spejjeż kbar fil-bażi tagħha,” qal. “Imma nitkexkex maħseb kif se jagħmlu t-timijiet l-oħra li għandhom spejjeż ferm aktar minna.”

Fit-3 April il-Premier League aċċetta li jagħti £125m bħala ħlas lill-English Football League u lin-National League li £2m minnhom se jmorru għand it-68 klabb fin-National League.

Is-sitwazzjoni fl-English Football League hija tant ħażina li Mark Palios, iċ-Chairman tat-tim ta’ Tranmere u eks  kap eżekuttiv tal-Assocjazzjoni tal-Futbol fl-Ingilterra, qal li jekk din il-ġimgħa ma jkunx hemm pjan qawwi se ssir straġi minn plejers fil-leagues, mis-sidien tal-klabbs u mis-supporters infushom.