Timothy Alden elett mexxej tal-Partit Demokratiku

Read in English.

Il-Partit Demokratiku issa għandu mexxej ġdid: Timothy Alden. Dan ħabbru hu stess fuq Facebook wara li lbieraħ filgħaxija saret il-laqgħa generali annwali (AGM) tal-partit fil-Belt Valletta.

Hu spjega kif fil-ftuħ tal-AGM, efasizza li ammira lil dawk kollha preżenti talli dejjem għamlu ħilithom biex jaqdu r-responsabbiltajiet u d-dmirijiet tagħhom. Sostna li dawn il-persuni jifhmu li l-politika hija dwar is-servizz u mhux servizz personali.

Hu rrimarka li t-triq ’il quddiem issa hija li ċ-ċittadini attivi jibdlu l-qsim fil-pajjiż. “Irridu nuru lill-poplu tama għat-tiġdid, jekk kollha nqumu u nitkellmu. Irridu nkunu ta’ eżempju u nfakkru lil kulħadd li l-politika hija dmir, responsabbiltà u sagrifiċju u mhux xi indulġenza. Il-premju m’għandu jkun xejn aktar mis-sodisfazzjon li dak li jkun għażel id-deċiżjoni t-tajba,” qal Alden.

L-eżekuttiv il-ġdid tal-Partit Demokratiku huwa magħmul minn:

  • Mexxej: Timothy Alden
  • Deputat Mexxej: Raymond Azzopardi
  • Segretarju Ġenerali: Mark Zerafa
  • Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi: Marcus Lauri
  • Teżorier: Carmel Asciak
  • Membri: Melissa J. Bagley, Matthew Mizzi, Martina Caruana