Timmermans jinsisti dwar taxxa waħda fl-Ewropa kollha

Luke Zerafa

Il-Kandidat Soċjalista għall-President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans tkellem dwar l-bżonn li l-Ewropa jkollha taxxa waħda ta’ 18 fil-mija fl-Ewropa kollha biex tiżgura kundizzjonijiet ekwi bejn il-pajjiżi kollha.

Il-viċi president tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans stqarr dan waqt dibattitu mal-ħames kandidati l-oħra li wieħed minnhom mistenni jieħu post Jean Claude Juncker.

Filmat: Dibattitu Presidenzjali tal-elezzjonijiet tal-UE

Huwa qal li kumpaniji kbar sabu mezzi kif ma jħallsux taxxi waqt li nibqgħu nstaqsu kumpanji bħala Amazon fejn qed iħallsu t-taxxi tagħhom.

Din il-proposta tista’ tħalli riperkussjonijiet kbar u impatt negattiv fuq l-impjiegi f’Malta fosthom fis-servizzi finanzjarji u l-gaming, b’kumpaniji barranin f’Malta iħallsu ferm inqas minn 18% corporate tax.

Ftit tal-jiem ilu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li kienu il-membri parlamentari Nazzjonalisti fil-parlament Ewropew li vvutaw favur proposta ta’ armonizzazzjoni tat-taxxa madwar l-Ewropa kollha kif ħabbar Frans Timmermans.

Waqt li f’konferenza tal-aħbarijiet il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li l-ħbiberija tal-Prim Ministru Muscat mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans mhux fl-aħjar interess ta’ Malta.

Timmermans inġieb mill-Partit Laburista f’Malta u ndirizza l-attivita’ politika tal-1 ta’ Mejju f’misraħ Kastilja.

Fid-dibattitu, Timmermans tkellem ukoll dwar il-ġlieda tiegħu kontra l-bidla fil-klima, inġustizzji u l-valuri vera tad-demokrazija, drittijiet umani u s-saltna tad-dritt.