Timmaġinak tistenna 3 ijiem biex tara stessu?

Tiftakar meta kien ikollok tistenna jiem biex tara ritratt li tkun ġbidt b’kamera li lanqas biss tidħollok fil-but?
Jekk għadek żgħir żgur li ma tiftakarx din l-esperjenza. Illum kemm tagħfas buttuna u f’ħakka ta’ għajn għandek ir-ritratt jew il-famuż stessu.
Iżda issa għandek iċ-ċans li tesperjenza din l-istennija u l-kurżità biex tara kif ġie r-ritratt.
App, bl-isem Gudak Cam se tieħdok lura fis-snin disgħin.
Din l-app tħallik tieħu biss 24 ritratt u jkollok tistenna tliet ijiem biex ir-ritratti “jiżviluppaw” u tkun tista’ tarahom.
Minjaf, forsi din l-app tgħinek tkun fotografu aħjar. Jekk għandek biss 24 ritratt ma tistax tiġbed wieħed għal kull ħaġa ta’ xejn.
Trid tagħżel dak il-mument li verament tixtieq tibqa’ tgħożż u tiftakar.