Timmaġinak tgħix bla mowbajl, televixin u microwave?

Immaġinak tiftiehem ma’ sħabek u biex tkellimhom trid tmur bilfors sad-dar tagħhom.
Għall-143 resident mir-raħal ta’ Green Bank, f’West Virginia fl-Istati Uniti, din hi n-norma. Dan għaliex fejn jgħixu, huma pprojbiti mowbajls, tablets u kull oġġett ieħor li jaħdem bil-wifi.
Dawn l-aġġeġġi elettroniċi, flimkien mat-televixin, microwave, ġugarelli u bibien ta’ garaxxijiet li jaħdmu bir-remote control, huma pprojbiti għaliex fi Green Bank hemm in-National Radio Astronomy Observatory, fejn iħaddem l-akbar teleskopju tar-radju fid-dinja. 
Il-maniġer tal-osservatorju, Michael Holstine, qal li t-teleskopju hu tant sensittiv li kapaċi jaqbad l-enerġija ta’ farka waħda ta’ silġ li tmiss mal-art u hu għalhekk li ma jistax ikun hemm interferenzi waqt il-ħidma tat-teleskopju. 
It-teleskopju jirnexxielu wkoll jaqbad sinjali li qegħdin 13-il biljun sena dawl 'il bogħod.