​Tim mediku jakkumpanja 25 tifel u tifla barra minn Malta

Fl-2017, 25 tifel u tifla ġew akkumpanjati minn tim mediku biex jirċievu trattament barra minn Malta skont il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Din l-informazzjoni ħarġet minn mistoqsija parlamentari li saret mill-Membru tal-Parlament tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia           
Fir-risposta tiegħu, Fearne qal li matul l-2017 kien hemm 12-il adult u 25 tifel u tifla li kellhom bżonn jiġu akkumpanjati minn tim mediku sabiex ikunu jistgħu jirċievu trattament barra minn Malta. Mit-tfal, 18 minnhom kienu taħt it-tliet snin.
Fearne qal ukoll li bejn l-2015 u l-2017, l-Ambulanza tal-Ajru intużat biex jiġu trasferiti xi pazjenti għall-kura barra minn Malta. Fl-2015, fl-2016, u fl-2017 ġew trasferiti 8, 12, u 9 pazjenti permezz tal-Ambulanza tal-Ajru rispettivament. Skont l-informazzjoni li ngħatat fil-Parlament, il-prezz medju ta’ kull vjaġġ kien ta’ madwar €19,433.
Ritratt: Arkivji