“Tim ma kienx postu fil-magna tan-negozju li nqabad fiha” – familt Avicii

Messaġġ mill-familja tad-DJ internazzjonali Avicii jimplika li l-kawża tal-mewt kienet suwiċidju.
Fil-passat Avicii kemm-il darba ta’ ħjiel li jħossu li qed joqrob lejn il-mewt jekk jibqa’ għaddej bla waqfien bix-shows tiegħu.
Madankollu l-familja bħal kompliet tikkonferma l-ħsieb tas-suwiċidju, meta qalet li Tim Bergling, l-isem vera tiegħu, kien żagħżugħ li qatt ma waqaf jistaqsi mistoqsijiet ewlenin dwar il-ħajja, it-tifsir, il-paċi u l-kuntentizza.
“Xtaq isib il-paċi, għax Tim ma kienx il-persuna addattata għall-magna tan-negozju li sab ruħu fiha”, jgħid il-messaġġ tal-familja.
Intqal li meta Avicii waqf idur mad-dinja, ried isib bilanċ f’ħajtu bejn il-kuntentizza u dak li kien iħobb l-aktar, jiġifieri l-mużika.
Id-DJ kien ibati minn problemi ta’ saħħa mentali, u ta’ 21 sena nstabitlu infjammazzjoni fil-frixa minħabba xorb żejjed. Fl-2014 kellhom jitneħħewlu l-bużżieqa tal-marrara u l-appendix.
Sadanittant kienu ħafna l-klabbs madwar id-dinja li taw tribut lil dan iż-żagħżugħ, li kien għad kellu biss 28 sena meta nstab mejjet fl-Oman.
Knisja f’Utrecht, l-itwal waħda fil-belt, daqqet diski tiegħu bil-qniepen tal-kampnar.