Kundizzjonijiet tal-ħaddiema: Il-Gvern jissospendi Avviżi Legali wara lmenti

Tilwima industrijali avviżi legali ERB

Erba’ organizzazzjonijiet ħabbru li se jieqfu jattendu laqgħat tal-Bord għar-Relazzjonijiet Industrijali (ERB) wara li dan ħareġ erba’ avviżi legali marbuta mar-relazzjonijiet industrijali meta l-kumpaniji kienu fi żmien ta’ btala.

Dawn l-avviżi legali jittrattaw bidla fis-sigurezza tax-xogħol f’każ ta’ transfer fuq negozju, ħaddiema tal-aġenziji temporanji u regoli ġodda fuq il-payslips u l-leave annwali.

Fi stqarrija, il-GRTU, The Malta Chamber of Commerce, Enterprise and Industry, Malta Employers Association u Malta Hotels and Restaurants Association qalu kemm huma diżappuntati bl-avviżi li ħarġu f’lejlet Santa Marija, mingħajr ebda twissija minn qabel, peress li dan hu żmien magħruf għax-shutdowns.

Barra minn hekk, m’għadx hemm lok għal djalogu fl-ERB, qalu dawn l-organizzazzjonijiet, tant li dawn l-avviżi qatt ma ġew diskussi minn dan il-Bord li twaqqaf biex jinforma lill-Ministru dwar kundizzjonijiet relatati max-xogħol.

Talbu lill-Gvern biex iwaqqaf il-proċess ta’ dawn l-avviżi sakemm ma jiġu diskussi fil-Bord, u jiġu suġġeriti xi tibdiliet. F’każ li jsir dan, l-organizzazzjonijiet ikunu lesti li jkomplu jattendu għal-laqgħat tal-Bord.

L-organizzazzjonijiet sostnew li din kellha tkun il-proċedura sa mill-bidu nett. Każ bħal dan iqajjem mistoqsijiet dwar jekk fuq kollox għandux ikun hemm Bord ta’ din ix-xorta, qalu l-organizzazzjonijiet.

Iwieġeb il-Ministeru

Wara din l-istqarrija mill-organizzazzjonijiet, il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza ħareġ stqarrija li tgħid li se jissospendi dawn l-avviżi, sabiex dawn jitqiegħdu fuq il-mejda tad-diskussjoni bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali dwar titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.