Tilwima industrijali fl-Ajruport ta’ Malta

Il-UĦM Voice of the Worker u l-General Workers Union se jirreġistraw tilwima industrijali mad-Direttur taf-Direttorat għall-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER), minħabba li ma ntlaħaqx ftehim biex ikun iffirmat ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-kumpanija li tmexxi l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Fi stqarrija l-UĦM qalet li dawn in-negozjati fuq il-ftehim kollettiv kienu ilhom għaddejjin għal aktar minn tliet snin u dan id-dewmien kien karatterizzat minn nuqqas ta’ qbil fuq il-pakkett ta’ kundizzjonijiet li jista’ jtejjeb il-qagħda tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol.
Spjegat li matul is-sena li għaddiet saru laqgħat regolari bejn iż-żewġ unions u l-management tal-MIA iżda l-proposti preżentati mill-kumpanija ma tejbux dak li kien hemm fil-ftehim kollettiv preċedenti.
Qalet li b’riżultat ta’ dan, iż-żewġ unions kienu rreġistraw tilwima industrijali mad-DIER fis-17 ta’ Novembru 2016.
Il-UĦM spjegat ukoll li bi tweġiba għal din it-tilwima, il-kumpanija rrispondiet li seta’ kien hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni fil-proposti elenkati mill-management.