Tiltaqa’ f’Malta assemblea tal-EBU għax-xandara professjonali

Għall-ewwel darba f’Malta qed issir l-assemblea tal-Eurovision Academy, konferenza għall-esperti fil-qasam tal-midja internazzjonali, b’sessjonijiet ta’ tagħlim fit-teknoloġija moderna għax-xandir.
Għal din l-assemblea, li hija organizzata mill-Eurovision Broadcasting Union (EBU) u l-Public Broadcasting Services (PBS) qed jipparteċipaw xandara minn pajjiżi barranin.
Il-lista tal-kelliema tinkludi fost l-oħrajn esperti mill-BBC, ZDF, RTE u l-EBU.
Il-kelliem ewlieni kien id-Direttur ta’ BBC England Peter Salmon, li għandu 30 sena esperjenza fil-midja.
Salmon qal li t-tibdil f’dan is-settur qed isir b’pass mgħaġġel u dan qed jirrifletti wkoll fl-udjenzi u l-mod kif tasal l-aħbar.
Saħaq li t-teknoloġija u l-midja soċjali wasslu għal din il-bidla.
Ġab bosta eżempji, fosthom Facebook, Twitter u Pinterest, li minn kumpaniji żgħar saru mezz dinamiku għall-midja.
Eżempji oħra kienu l-istessu ta’ Elen Degeneres, waqt l-Academy Awards u l-isfidi tal-barmil silġ għall-ALS u kif dawn waslu għand kulħadd fid-dinja.
Salmon qal li dawn huma żminijiet eċitanti għall-midja u saħaq li l-innovazzjoni hija t-triq ‘il quddiem.
Saħaq li bit-taħriġ u t-tagħlim biss nistgħu nimxu ‘l quddiem u nwasslu dak li jridu n-nies.
Tkellem ukoll il-Ministru għall-Intern, Manuel Mallia, bid-diskors tiegħu kien irrekordjat peress li jinsab jattendi laqgħa tal-Ministri Ewropej.
Mallia qal li b’xandir imparzjali, l-istazzjon nazzjonali jrid ikollu rispett lejn it-telespettaturi.
Qal li minħabba l-immigrazzjoni, pajjiżna jkun kemm il-darba fl-aħbarijiet internazzjonali u kif bil-mezzi teknoloġiċi u soċjali llum il-ġurnata, l-aħbarijiet qed jaslu aktar malajr u għalhekk l-imparzjalitá u l-korrettezza huma importanti.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-PBS, Tonio Portughese qal li fil-preżent, il-PBS qed jagħmel numru ta’ skambji ma’ kumpaniji oħra tal-midja minn pajjiżi differenti.
Ħabbar li hemm il-ħsieb biex tinħoloq akkademja tal-PBS għat-tagħlim fil-midja.
Portughese enfasizza li biex ix-xandir f’Malta jkun innovattiv, waqt li jikkompeti mas-suq barrani, irrid ikun proattivi.
Fl-għeluq għamel referenza għall-Junior Eurovision, li se jsir f’Malta, u rringrazzja l-EBU u l-pajjiżi kollha li se jipparteċipaw.