Tilqima tal-influwenza b’xejn għal dawk li jagħtu d-demm

Bħala ġest t’apprezzament lejn id-donaturi tad-demm għal darba oħra s-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed joffrilhom t-tilqima tal-influwenza staġjonali mingħajr ħlas.
Għaldaqstant dawk id-donaturi (ta’ kull età) li jixtiequ jieħdu din it-tilqima huma mistiedna biex jekk jixtiequ jersqu fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa, jew fis-Sezzjoni tat-Tilqim, Ir-Rabat Għawdex biex jitlaqqmu.
B’rabta ma’ dan, is-Servizz avża lil dawk li taw id-demm tul l-aħħar jiem li jridu jħallu ġimgħa tgħaddi qabel ma jersqu għat-tilqima.
Minn naħa l-oħra dawk li jkunu tlaqqmu jridu jħallu ġimgħa tgħaddi qabel jersqu biex jagħtu d-demm.
Intant dawk li huma eliġibbli biex jagħtu d-demm huma mħeġġa biex jagħtu:

  • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ KULJUM (7 ijiem fil-ġimgħa) mit-8am sas-6pm (l-aħħar reġistrazzjoni sas-6pm).
  •  fil-Mobile Blood Donation Unit li nhar il-Ħadd 22 t’Ottubru mit-8.30am sas-1pm (l-aħħar reġistrazzjoni sas-1pm) ser ikun maġenb il-knisja parrokkjali tal-Imqabba.
  •  fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex nhar it-Tlieta 24 t’Ottubru ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1pm sal-5pm (l-aħħar reġistrazzjoni sal-5pm).

Huwa importanti li wieħed jieħu il-karta tal-identità, jew il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.