Tilqima b’xejn lit-tfal kontra l-meninġite – Fearne

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li d-Dipartiment tas-Saħħa qiegħed fil-proċess biex din is-sena tibda tingħata b’xejnlit-tfal it-tilqima kontra l-meninġite tat-tip Pneumoccal Conjugated.

Filmat: Fearne bl-aħħar żviluppi dwar it-tarbija bil-meninġite

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat tal-Oppożizzjoni Godfrey Farrugia, id-deputat Prim Ministru qal li dan se jsir bħala parti mill-programm tal-Gvern biex isaħħaħ il-prevenzjoni kontra l-mard infettiv.

Aktar kmieni dan ix-xahar, tifel ta’ erba’ snin miet kawża ta’ infezzjoni tal-meninġite, waqt li tarbija tat-twelid iddaħħlet fit-Taqsima tal-Kura Intensiva u issa qalbet għall-aħjar.

Mhux magħruf jekk dawn iż-żewġ każi ta’ meninġite kinux tat-tip Pneumoccal Conjugated li l-Gvern se jkun qed jagħti t-tilqima għaliha fiż-żmien li ġej.

F’Diċembru tal-2017, il-Ministru Chris Fearne kien qal li d-Dipartiment tas-Saħħa kien qiegħed fil-proċess biex jibda jagħti b’xejn it-tilqima kontra l-Meninġite Pneumococcus.