Tilqa’ t-tnedija tal-fond tal-leave tal-maternità

Il-Konfederazzjoni Maltija tal-Organizzazzjonijiet tan-Nisa laqgħet it-tnedija tal-fond għal-leave tal-maternità, imħabbar ftit jiem ilu.
Il-Konfederazzjoni qalet li din il-miżura ilha mistennija u se tneħħi d-diżinċentiv prinċipali għal min iħaddem, biex jimpjega nisa ta’ età li jistgħu jwelldu t-tfal, minħabba l-ispejjeż tal-leave tal-maternità.
Spjegat li bil-fond, kull min jimpjega fis-settur privat se jikkontribwixxi għall-fond u mbagħad jingħata lura l-ispejjeż għall-ħlas tal-leave tal-maternità lill-impjegati tiegħu.
Spjegat li b’hekk Malta se tkun bħala ħafna stati membri oħra tal-UE li l-benefiċċji tal-maternità jitħallsu minn fond.
Iċ-chairperson tal-Konfederazzjoni, Lorraine Spiteri, qalet li b’hekk Malta se tilħaq pass importanti ’l quddiem u b’hekk jitjiebu l-opportunitajiet għan-nisa fl-impjieg u fl-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà.