Tilifha ma’ grupp li kien qed jarma għall-festa ta’ Ħal Qormi

Read in English.

Raġel tal-familja tilef it-tempra ma’ grupp nies li kienu qed jarmaw għall-festa ta’ Ħal Qormi. Ir-raġel mar jiġri d-dar wara li martu ċemplitlu inkwetata u qaltlu li xi grupp li kien qed jarma għall-festa, għamlilhom ħsara fil-bieb tal-garaxx.

Il-forklifter li kienu qed jużaw biex iwaħħlu t-tiżjin tal-festa, żelaq fl-ilma tax-xita u baqa’ dieħel f’karozza li kienet ipparkjata. Il-karozza spiċċat biex baqgħet dieħla fil-bieb tal-garaxx tal-akkużat.

L-inċident qajjem argument sħiħ u wassal biex wieħed mill-grupp ta daqqa fuq il-bieb b’idu. Xħin l-akkużat wasal fuq il-post, hu saqsa b’rabja biex tingħatalu spjegazzjoni.

L-akkużat qal li kulma kien għamel hu li talab spjegazzjoni ta’ x’kien ġara. Il-Pulizija li xehed qal li l-akkużat beda jgħajjat kemm jiflaħ filwaqt li qalilhom, li jekk għandhom jagħtu daqqa, jagħtuha lilu u mhux lill-bieb tad-dar. L-akkużat irrifjuta milli jobdi l-ordnijiet mogħtija lilu mill-Pulizija u f’nofs l-argument weġġa’ żewġ membri tal-korp.

L-akkużat instab ħati li darab lil żewġ uffiċjali tal-Pulizija, kiser il-paċi pubblika u ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija. Ta’ dan kollu, hu weħel multa ta’ €500. Il-każ seħħ ftit aktar minn sena ilu.