Tilgħab €10,000 li taha klijent; sentenza sospiża

Taljana ta’ 47 sena ngħatat sentenza sospiża u ordni tat-trattament wara li ammettiet li lagħbet €10,000 ta’ klijent tagħha f’sitt darbiet f’għaxart ijiem il-kasinò.

Fil-Qorti l-mara ammettiet li lagħbet €10,000 li ta l-klijent tagħha bħala parti minn investiment tan-negozju. Il-prosekuzzjoni spjegat li l-mara għandha problema tal-logħob, bl-avukat tad-difiża jgħid li din hija l-ewwel darba li l-mara wettqet reat.

L-avukat talab biex il-mara tingħata għajnuna biex tegħleb dan il-vizzju. Il-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni li l-mara rritornat il-flus lill-vittma qabel ma bdew il-proċeduri fil-Qorti. Il-prosekuzzjoni ikkonfermat dan u żiedet li l-mara kkoperat mill-bidu mal-pulizija.

Il-Maġistrat Monica Vella sabet lill-akkużata ħatja u kkundannata għal sentejn ħabs sospiżi b’erba’ snin, hija laqgħet it-talba tad-difiża u ordnat ordni tat-trattament għal tliet snin lill-mara biex tindirizza l-problema tal-vizzju tal-logħob. Il-Qorti ordnat ukoll lil Malta Gaming Authority biex il-mara tiġi eżentata minn kull kasinò, ħwienet tal-logħob u siti tal-logħob online.