Tilfu lil ommhom bil-kanċer u lil missierhom f’ħabta

Żagħżugħ ta’ 19-il sena spiċċa sabiex kellu jieħu l-irwol ta’ omm u missier għal ħuh li għandu biss 13-il sena, wara li ommhom u missierhom mietu.

Nathan u Luke Phillips minn Warwickshire, tilfu lil ommhom Anita sentejn ilu wara li mietet kawża tal-kanċer. Hi kellha biss 53 sena. Għal sentejn iż-żewġ subien u missierhom David ta’ 58 sena għexu u għamlu kuraġġ lil xulxin.

Madanakollu, tliet xhur ilu, is-subien tilfu wkoll lil missierhom wara li kien involut f’ħabta bil-mutur tiegħu ma’ trakk. Luke, it-tfajjel ta’ 13-il sena kien fuq il-mutur ma’ missieru u kawża tal-inċident kien weġġa’ serjament. L-inċident wassal sabiex it-tifel jitlef parti minn siequ u waqa’ f’koma għal xi żmien.

L-inċident wassal sabiex iż-żewġ subien isibu aktar wens f’xulxin. Luke issa spiċċa fil-kustodja ta’ Nathan, li kellu jikber qabel iż-żmien. Ma’ The Mirror, Nathan qal li s-sitwazzjoni wasslitu sabiex jara li jagħmel dak kollu li jista’ jagħmel ta’ kuljum u ma jaħlix ħin. Spjega li ma jridx jaħli żmien f’rabja għax tilef lill-ġenituri tiegħu u insista li issa jrid jiffoka fuq kif se jieħu ħsieb ta’ ħuh.