Tilfilhom iċ-ċrieket ftit qabel it-tieġ

Ftit minuti qabel iċ-ċerimonja tat-tieġ, ir-ring bearer tilef iċ-ċrieket.
Kien Tucker, il-kelb ta’ ħu l-għarusa, li kien se jtella’ ċ-ċrieket fuq l-artal. Iċ-ċrieket kienu diġà qegħdin marbuta ma’ għonqu.
Ħu Gina, l-għarusa, jissuspetta li l-kelb mar jiffriska ftit f’xi għadira fl-inħawi u rnexxielu jitlifhom.  Qal li probabbli kienu l-movimenti tiegħu waqt il-preparazzjoni, li taw lil-kelb x’jifhem li hu ħin il-logħob u dak mar għall-avventura.
Malli waslitilhom l-aħbar, l-għarajjes inħasdu ftit, iżda ma ħallewhiex tirrovinalhom il-jum spejċali tagħhom.
L-għarusa qalet li ċ-ċrieket imorru u jiġu, imma xorta għandha raġel mill-aqwa.
Min-naħa tiegħu, ħu l-għarusa beda jħossu ħażin dwar dak li ġara, imma sostna li dan kien test għaż-żwieġ. Minkejja t-tfittxija li għamlu membri tal-familji tal-għarajjes, iċ-ċrieket baqgħu ma nstabux.
Gina u Scott Noble kellhom ċerimonja mill-isbaħ f’Washington Park f’Denver.