Tikteb ittra lil binha qabel ma tmut bil-kanċer

Il-preżentatriċi tal-BBC, Rachael Bland kitbet ittra lil binha ftit biss qabel ma tilfet il-battalja mal-kanċer tas-sider, fl-età żgħira ta’ 40 sena. Ma’ The Daily Telegraph kienet qalet li ma tibżax mill-mewt imma l-biża’ tagħha hija għal dawk kollha li kienet se tħalli warajha, lil binha Freddie, lir-raġel tagħha Steve u l-familji tagħhom.

Bland mietet kważi sentejn wara li nstab li kellha kanċer tas-sider. Il-familja tagħha kkonfermat li hi mietet id-dar tagħha kmieni dalgħodu.

L-ittra hija propju ktieb dwar ħajjitha li dejjem iddeskrivietu bħala l-ittra ta’ mħabba għal binha li tittama li tħallih jiftakar il-memorja tagħha u l-imħabba tagħha għalih.

Bland kienet vuċi familjari għal ħafna fuq Radio 5 Live billi kienet taqra l-aħbarijiet u tippreżenta programmi. Hi kienet ukoll imfaħħra ħafna għall-programm tagħha You, Me and the Big C, li kien podcast dwar il-kanċer. Kienet iżżomm ukoll bosta persuni aġġornati bil-battalja tagħha mal-kanċer permezz ta’ blog li wkoll rebaħ bosta unuri.

Ir-raġel ta’ Rachael, Steve qal f’kumment li kienet persuna b’talenti kbar u kellha mħabba kbira għal binha, Freddie.