Filmat: “Tikkritika rapport bħal tal-PE għax ma jkollokx argumenti” – Akkademiku

Id-Deputat Dekan tal-Fakultà għall-Ekonomija, il-Managment u l-Accountancy, Dr George Vital Zammit qal li meta tipprova tirriduċi għal spin (interpretazzjoni preġudikata), rapport bħal dak ippubblikat din il-ġimgħa mill-Parlament Ewropew, x’aktarx tkun qed taqa’ fid-difiża għax ma jkollokx argumenti aħjar biex tiġġieled dak ir-rapport.
L-ewwel reazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat għal dan ir-rapport kien li huwa l-Gvern li jieħu d-deċiżjonijiet filwaqt li l-Ministru Konrad Mizzi ddeskrivih bħala spin.
Waqt il-programm Newsline fuq RTK, Dr Vital Zammit saħaq li meta l-poplu għażel li jidħol fl-Unjoni Ewropea kien qed jaċċetta li jkun hawn skrutinju akbar fuq il-ħajja pubblika.
Huwa kompla jgħid li jekk il-pajjiż ikun skomdu bl-iskrutinju allura se jibqa’ jaġġixxi bħall-pajjiżi li huwa totalitarju, jiġifieri pajjiżi fejn kollox huwa deċiż mill-Gvern u ma teżistix oppożizzjoni.
“Id-demokrazija ma tilgħabx magħha,” saħaq Dr Vital Zammit. “Jew nemmnu fit-totalità tagħha jew inkella xejn.”
Kien hawnhekk li saħaq li  min qed jakkuża bi tradiment lil min isemma leħnu dwar Malta fuq pjattaforma internazzjonali, qed ikun żbaljat.
Spjega li minn għoxrin sena ilu ‘l hawn qed ngħixu f’fenomenu li jissejjaħ Internet li għaqqad lid-dinja tant li ma tistax tagħmel xi ħaġa li ħaddieħor mhux se jinduna biha.
Fi kliem Dr Vital Zammit, “ma tistax tagħlaq il-bieb għall-aħbar.”
"Jekk tikkritika lill-Gvern qisek qed teħodha kontra l-pajjiż"
Kien fid-dawl ta’ dan li saħaq li min imur barra minn pajjiżu biex jitkellem fuqu, anke jekk qed jikkritikah, ma jistax jissejjaħ traditur.
Staqsa x’differenza hemm bejn Malti li jmur jitkellem barra minn Malta u Amerikan li jiġi intervistat u jitkellem kontra l-President tiegħu. Insista li dan ma jfissirx li wieħed ma jkunx patrijott, jiġifieri ma jkunx iħobb lil pajjiżu.
Qal li hu jaf persuni mill-korp akkademiku Ingliż li emigraw minn pajjiżhom u jitkellmu ċar u tond kontra l-Brexit, ma jistawx jaċċettwah u jsejħulu xi ħaġa tal-mistħija. Mill-ġdid staqsa jekk dan hux traditur.
"Il-ġurnalisti hemm bżonn jagħfsu aktar lill-politiċi"
Waqt li tkellem ukoll dwar l-intervista li saret lill-Prim Ministru mill-ġurnalist veteran tal-BBC, John Sweeney, Vital Zammit appella lill-ġurnalisti Maltin u dawk li qed jistudjaw il-ġurnaliżmu biex isaħħu l-ħiliet tagħhom u ma jiddejqux jagħfsu lill-politiċi meta jkunu qed jintervistawhom.