Tikber it-tama li l-Papa jżur il-Marokk f’Diċembru

Il-Papa Franġisku jindirizza sessjoni plenarja tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti

Hekk kif id-diversi kapijiet ta’ stati qed jagħmlu l-preparamenti biex f’Diċembru li ġej imorru fil-Marokk biex jadottaw dak li qed jissejjaħ “Global Compact for Safe, Orderly and Regular Migration” ħafna qed jittamaw b’fervur kbir li jattendi wkoll il-Papa Franġisku.

Għalkemm hu magħruf bħala r-Ragħaj ta’ aktar minn biljun Kattoliku madwar id-dinja, il-Papa hu wkoll il-Kap tal-Istat tal-Vatikan u s-Santa Sede kienet imfaħħra ħafna minn diversi pajjiżi u s-soiċjetà ċivili, għas-sehem qawwi li tat fl-abbozzar tal-imsemmi dokument minkejja t-tensjonijiet kbar fid-dinja dwar l-emigrazzjoni.

Il-Patt Globali li kien finalizzat ix-xahar li għadda, wara sentejn sħaħ ta’ konsultazzjonijiet u negozjati, joffri l-aħjar prattiċi għall-emigrazzjoni li d-diversi stati madwar id-dinja mistennija jieħdu inkunsiderazzjoni fit-tfassil tal-politika tagħhom dwar l-edukazzjoni.

Filwaqt li dan il-Patt, li mhux se jkollu rabta legali, miexi lejn il-fażi tal-implimentazzjoni, ħafna minn dawk involuti fil-proċess jemmnu li jekk il-Papa Franġisku jmur il-Marokk meta dan ikun adottat, il-preżenza tiegħu tagħti lil diversi stati membri l-enerġija morali biex jassiguraw l-applikazzjoni dejjiema ta’ dan il-qbil.

Fir-rebbiegħa li għaddiet, ir-Re Mohammed VI stieden formalment lill-Papa biex iżur pajjiżu u ħafna interpretaw dan bħala l-ewwel pass lejn il-preżenza tal-Papa fil-Marokk għal din il-laqgħa tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Filwaqt li la l-Missjoni tas-Santa Sede għan-Nazzjonijiet Magħquda u anqas l-Uffiċċju tal-Vatikan għall-Emigranti u r-Refuġjati ma kkummentaw dwar il-possibbiltà tal-parteċipazzjoni tal-Papa għal dan l-avveniment, sorsi qalu li s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda mistenni jibgħat invit formali lill-Papa biex jattendi.

Jekk il-Papa Franġisku jaċċetta din l-istedina, ikun it-tieni Papa li qatt żar il-Marokk. Il-Papa Ġwanni Pawlu II kien mar f’dan il-pajjiż fl-1985. Dik iż-żjara ta’ aktar minn 30 sena ilu kienet ġibdet l-attenzjoni tad-dinja għax dik kienet l-ewwel darba li l-Papa kien mistieden iżur pajjiż Musulman mill-Kap tal-Istat tiegħu u mhux mill-Knisja lokali.