​“Tikber il-perċezzjoni li Malta mhijiex post sigur” – ġurnalist ta’ The Economist

Il-korrispondent ewlieni tar-rivista The Economist f’Ruma John Hooper qal li l-ħsara li saret fuq ir-reputazzjoni ta’ Malta fl-aħħar jiem, kienet estensiva għax qed iwassal għall-perċezzjoni li Malta mhijiex post sigur.
F’intervent fil-programm Newsline fuq RTK, John Hooper irrefera għal fatt li f’Malta kien hawn 5 każijiet ta’ karozza-bomba fl-aħħar sentejn.
Sostna li din is-sensiela ta’ atti kriminali fosthom dak li wassal għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia t-Tnejn li għadda, qed ikompli jagħti l-impressjoni li f’Malta l-livell tal-korruzzjoni fl-istituzzjonijiet pubbliċi huwa rampanti.
Hawnhekk irrefera għal rapport tal-aġenzija tal-aħbarijiet internazzjonali Reuters li waslu biex jiddeksrivu lil Malta bħala “Murky Malta”.
Fil-programm Newsline, tkellmet ukoll il-ġurnalista Ġermaniża Veronica Frenzel li tinsab Malta biex tirrapporta dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.
Veronica Frenzel qalet li l-Ġermaniżi li huma involuti f’ħidma mal-Gvern Malti issa qed jibżgħu jitkellmu pubblikament.
Qalet li l-poplu Ġermaniż ma għandux idea dwar is-sitwazzjoni politika f’Malta, iżda issa beda jsir iktar konxju dwar x’qed jiġri f’Malta fl-isfond tal-qtil ta’ Caruana Galizia, u l-iżviluppi fi ħdan il-kumitat PANA tal-UE.
Frenzel temmet tgħid li dan il-kuntest kollu jista’ joħloq pressjonijiet ġodda fuq l-Unjoni Ewropea.