Tiġrif Pietà: “Lill-iżviluppatur ngħidlu miskin” – Chetcuti

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) Sandro Chetcuti qal li lill-iżviluppatur involut fis-sit tal-kostruzzjoni fejn dar u appartamenti ġġarrfu f’Tal-Pietà jgħidlu “miskin”.

Dan qalu waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM. Il-programm ġie ppreżentat minn Fr Joe Borg flimkien mal-mistieden residenti Peppi Azzopardi. Fl-istess programm tkellmet ukoll il-President tal-Kamra tal-Periti Simone Vella Lenicker li spjegat kif suppost isir xogħol ta’ tħaffir u qalet li l-kuntratturi m’humiex regolati.

Chetcuti qal li għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid x’kienet il-problema fil-każ li seħħ fi Gwardamangia fil-Pietà. Mill-banda l-oħra Chetcuti mbagħad qal li l-iżviluppatur mexa “kif suppost”. Żied jgħid ukoll li l-perit involut fil-proġett ma kienx xi wieħed b’fama li mhuwiex perit “tal-affari tiegħu”. Chetcuti qal li l-MDA mhix xi awtorità, imma mbagħad qal li kieku sabu li kien qed isir xi abbuż fuq is-sit, kienu jieħdu azzjoni drastika kontra l-iżviluppatur.

Filmat: Dar u appartamenti jiġġarrfu f’Tal-Pietà

Ma kienx qed isir skavar – Chetcuti

Fi kliem Chetcuti, ma kienx qed isir skavar meta seħħ l-inċident. Saħaq li minn kif jidhru l-affarijiet bħalissa ma kienx hemm xi traskuraġni imma li kien hemm “xi ħaġa aktar fil-fond”.  Chetcuti mbagħad qal li għalhekk hemm il-bżonn li l-investigazzjoni tieħu l-ħin tagħha.

Din mhix attitudni ta’ xi ħadd li mhux inkwetat – Chetucti

“L-iżviluppatur miskin ngħidlu,” qal Chetcuti li żied jgħid li ħa “pjaċir” li ma weġġa’ ħadd f’dan l-inċident. Fi kliem Chetcuti l-iżviluppatur jinsab imbikkem u nkwetat. Qal li mingħajr ma stenna l-kumpanija tal-assigurazzjoni, sab akkomodazzjoni alternattiva għall-familji affettwati. Skont Chetucti din mhix attitudni ta’ xi ħadd li mhux inkwetat.

Chetcuti qal li wieħed irid jitgħallem minn dawn l-inċidenti. Qal li jista’ jkun li jkun hemm bżonn tibdil fil-metodoloġija ta’ kif isir l-iskavar.

Il-Kamra favur il-proposta tal-Gvern – Lennicker

Lennicker fakkret li l-Kamra tal-Periti tappoġġja bi sħiħ il-proposta tal-Gvern li jwaqqaf awtorità għall-bini u kostruzzjoni. Skont Lennicker dan iwassal biex ikun hemm entità waħda li n-nies ikunu jafu li jistgħu jirrikorru għandha.

Vella Lenicker qalet li l-istqarrija tal-Kamra tal-Periti ta’ April 2019 ma kinitx direttament relatata mal-inċident ta’ Guardamangia. “Bl-ebda mod ma ridna li jiġi interpretat f’dak is-sens,” qalet Vella Lenicker. Jum wara l-inċident, il-Kamra tal-Periti qalet li l-kuntratturi u dawk li jaħdmu fil-qasam tal-kostruzzjoni la huma regolati u lanqas mhuma liċenzjati.

Lennicker tkelmet dwar il-Liġi Ċivili ta’ Malta li tgħid li ‘ħadd  ma jista’ jħaffer f’bogħod ta’ anqas minn sitta u sebgħin ċentimetru mill-ħajt diviżorju’. Lennicker qalet li mill-banda l-oħra jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn ikun hemm qbil bjen il-ġirien biex ma jkunx hemm bżonn distanza ta’ żewġ piedi u nofs. Lennicker qalet li din id-distanza hija waħda ta’ prekawzjoni u ma jfissirx li l-ħsara li tista’ ssir tiġi evitata għal kollox.

X’qalu periti oħra?

Periti mqabbda sew kemm fil-qasam tal-kostruzzjoni kif ukoll oħrajn fil-qasam tal-istabbiltà strutturali qalu ma’ Newsbook.com.mt li jekk il-kuntratturi ma jżommux il-75 ċentimetru mill-appoġġ meta jkunu qed iħaffru jistgħu, partikolarment jekk ikunu se jinżlu għadd ta’ sulari fil-fond, idgħajfu l-pedamenti. Barra minn hekk, il-kuntratturi jridu joqogħdu attenti meta jkunu qed iwaqqgħu s-soqfa biex, jekk dawn ikunu sħaħ ma’ oħrajn li mhux se jitwaqqgħu, ma jiġbdux is-saqaf u b’hekk jheżżu u jdgħajfu il-binja kollha.

Lennicker qalet li meta jsir xi proġett ta’ kostruzzjoni, speċjalment xogħol ta’ skavar, l-iżviluppatur huwa obligat jibgħat l-hekk imsejjaħ method statement lill-Uffiċċju tar-Regolamentazzjoni tal-Bini (BRO). Dan id-dokument tekniku jelenka kif se jsir l-iskavar u jekk hux se titħalla d-distanza taż-żewġ piedi u nofs. Jgħid ukoll x’makkinarju se jintuża. Spjegat li l-ġirien għandhom id-dritt li jaraw dan id-dokument u jistgħu jqabdu perit biex jagħmel l-analiżi tiegħu.

Il-President tal-MDA Sandro Chetcuti qal li l-kuntratturi kollha għandom “ċertu esperjenza”. Spjega wkoll li hemm differenza bejn kuntrattur u żviluppatur. Fi kliem Chetcuti, kull min għandu xi biċċa art sar żviluppatur. Qal li prattikament huwa l-investitur li jagħżel kuntrattur. Fi kliem Chetcuti, hemm membri fi ħdan l-MDA li għandhom esperjenza “daqs perit”. Qal li s’issa l-kuntratturi m’humiex reġistrati jew klassifikati għalkemm qal li kien hemm tentattivi mill-MDA u mill-Gvern biex dan isir.

Skont Chetcuti, kuntrattur u min qed jaħdem fuq sit partikolari jridu jimxu mar-regolamenti. Qal li l-perit huwa dak li jiċċertifika kollox. Qal li jekk perit josserva li l-kuntrattur ta’ proġett mhux kompetenti, il-perit għandu jwarrab mill-proġett.

Min-naħa tagħha, Lennicker qalet li l-kodiċi ċivili titfa’ r-responsabbilità tal-kostruzzjoni kemm fuq il-perit kif ukoll fuq il-kuntrattur. “Jekk Alla ħares qatt jinqala’ inċident fejn bini jiġġarraf, anke sa 15-il sena wara li inbena, il-perit u l-kuntrattur jinżammew responsabbli t-tnejn li huma flimkien,” qalet Lennicker. Żiedet tgħid li l-qorti mbagħad tiddeċiedi liema minnhom kellhom l-akbar tort.