Tiġrif: “Hemm bżonn għajnuna psikoloġika u materjali” – PN

Miguela Xuereb

L-Oppożizzjoni sostniet li l-Gvern ħa deċiżjoni “mgħaġġla” fit-tfassil tal-Avviż Legali dwar l-Evitar ta’ Ħsara lil Propjetajiet ta’ Terzi Persuni. B’hekk, appella li għandu jkun hemm 6 emendi, fejn waħda minnhom tinkludi li jiġi ntrodott xi forma ta’ għajnuna psikoloġika u materjali lil residenti f’każ ta’ inċidenti ta’ tiġrif.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista (PN) tenna li d-deċiżjoni mgħaġġla tal-Gvern ma’ offriet l-ebda serħan tal-moħħ liċ-ċittadini, speċjalment dawk li joqogħdu qrib sit ta’ kostruzzjoni. Dan minħabba li skontu, il-konsultazzjoni saret b’mod mgħaġġel u inadegwat.

Kif inbidlet il-liġi?

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg kien ħabbar fil-Parlament tal-24 ta’ Ġunju li fil-25 ta’ Ġunju, l-Gvern se jkun qed jippubblika regolamenti ġodda għat-twaqqigħ u l-iskavar f’siti ta’ kostruzzjoni.

Aqra: Skavar u twaqqigħ: Iktar responsabilità fuq il-periti; il-multi jiżdiedu b’20 darba

L-obbligu li jitħejja dikjarazzjoni tal-metodu (method statement) għad-demolizzjoni jew skavar jew bini, li jitħejjew rapporti dwar kundizzjonijiet għall-propjetajiet kontigwa, u li jkun hemm garanzija għadu hemm. Ukoll, ir-responsabilità tal-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-metodu għadha tal-perit li jħejjijha, u l-implimentazzjoni tal-miżuri tagħha baqgħet tal-kuntrattur.

Però, l-infurzar tad-dikjarazzjoni tal-metodu hi tas-site technical officer, dak li qabel kien site manager. Din il-persuna għandha:

  1. Tkun nominata mill-kuntrattur u tiġi approvata mill-perit tal-proġett
  2. Tkun perit
  3. Tkun reponsabbli għall-infurzar tad-dikjarazzjoni tal-metodu għax-xogħlijiet li jkunu responsabilità tal-kuntrattur li nnominaha
  4. Tkun preżenti fuq is-sit kull darba li jsir xogħol biswit propjetà ta’ terzi.

Differenza oħra hi li l-dikjarazzjonijiet tal-metodu u r-rapporti dwar kundizzjonijiet għandhom jiġu mtella’ online u x-xogħol ma jibdiex qabel 15-il ġurnata minn mindu dawn jiġu mtella’. Dan sabiex il-pubbliku jkolli ċans joġġezzjona.

Barra minn hekk, l-kopertura tal-assigurazzjoni m’għandhiex tkun inqas minn €750,000 u għandha tibqa’ tiġi mġedda sa meta jispiċċa kull xogħol.

“Għandhom isiru emendi neċessarji” – PN

Il-PN qed jappella lill-Gvern biex isiru emendi neċessarji f’dan l-Avviż Legali fejn jiġi żgurat li:

  1. Tingħata l-protezzjoni lill-proprjetajiet li jinsabu biswit siti ta’ kostruzzjoni b’avviż legali li jindirizza d-diffikultajiet u l-beżgħat tagħhom. Fl-istess ħin, jiġi ntrodott xi forma ta’ għajnuna psikoloġika u materjali lil residenti f’każ ta’ inċidenti ta’ tiġrif;
  2. Jagħti s-sostenn morali tiegħu u jikkonsulta mal-periti u rappreżentanti tagħhom;
  3. Joffri serħan lil dawk kollha li xogħolhom jiddependi fuq dan is-settur;
  4. Jitwaqqaf reġistru li jinkorpora fih dawk il-kuntratturi kollha li jagħtu servizz lil din l-industrija;
  5. Jinvesti fl-Uffiċċju tar-Regolamentazzjoni tal-Bini;
  6. Tiġi msaħħa wkoll l-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

X’ġara f’dawn l-aħħar 3 xhur?

Fl-24 t’April, xi appartamenti li kienu għadhom qed jinbnew iġġarrfu f’Tal-Pietà, b’konsegwenza li ġġarrfet ukoll dar biswit magħha. L-inċident seħħ fl-10.15pm fit-Telgħa ta’ Gwardamanġa.

Aqra: Filmat: Dar u appartamenti jiġġarrfu f’Tal-Pietà

Il-mara li kienet tgħix fid-dar, aktar kmieni fl-istess ġurnata li ġġarrfet, kienet wissiet lill-ħaddiema biex iwaqqfu x-xogħol hekk kif kien qed iħalli impatt negattiv fuq id-dar tagħha.

Aqra: “X’qed tistennew? Li jiġri xi ħaġa?”

Fit-13 ta’ Ġunju, iġġarraf ukoll ħajt ta’ blokka appartamenti fi Gwardamanġa, ħdejn sit ta’ kostruzzjoni. Il-każ seħħ fi triq Mimoża għall-ħabta tat-8am.

Aqra: Filmati u Ritratti: Jiġġarraf ħajt ta’ blokka ta’ appartamenti fi Gwardamanġa

Janet Walker, il-mara li sfat bil-ħajt tal-appartament imwaqqa’ fi Gwardamanġa, f’Mejju kienet tellgħet diversi ritratti u filmati fuq il-midja soċjali, fejn spjegat li għal diversi drabi hija kellmet lill-ħaddiema kif ukoll għamlet diversi rapporti dwar ix-xogħlijiet li kienu qed isiru biswita.

Aqra: Ara x’ġara xahar qabel fil-istess binja fi Gwardamanġa

B’konsegwenza ta’ dak li ġara, residenti li ċeda ħajt fl-appartament kienu qattgħu l-lejl barra biex joqogħdu għassa mal-binja. Skonthom, l-iżviluppatur ma jridx iħallas għal uffiċjali tas-sigurtà biex jagħmlu l-għassa.

Aqra: Bini Gwardamanġa: Residenti jorqdu barra biex joqogħdu għassa mal-bini