Tigri, iljuni u kukkudrill fost 46 annimal perikoluż f’Malta

Fost is-46 annimal perikoluż f’Malta hemm iljuni, tigri, u anke kukkudrilli. Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt mill-Ministeru għall-Ambjent wara talba għall-informazzjoni permezz ta’ FOI.

Dan propju wara diskussjoni taħraq li qamet xi ġimgħat ilu wara li filmat li ttella’ onlajn minn attivisti għad-drittijiet tal-annimali wera puma tippassiġġa f’dar. Dwar il-każ qamet kontroversja hekk kif filwaqt bosta persuni sostnew li l-puma kienet viżibilment irritata u li kienet qed tgħix f’ambjent mhux addattat, is-sid tal-puma kien insista li kellu kollox skont il-liġi.

Filmat: “Neħħu l-filmat tal-puma; għandi kollox skont il-liġi”

F’Malta jidher li hawn 14-il speċi differenti ta’ annimali salvaġġi. Skont l-istatistika provduta lil Newsbook.com.mt jidher li hawn erba’ speċi ta’ xadini li jammontaw għal 12-il xadina, seba’ pumas, seba’ tigri, tmien iljuni, u anke tip ta’ kukkudrill żgħir.

Intant, f’Malta hawn total ta’ seba’ zoos li huma liċenzjati sabiex irabbu annimali salvaġġi. Dawn huma il-Wild Life Park li jinsab fil-Baħrija, l-Aquarium Nazzjonali ta’ Malta f’San Pawl il-Baħar, iċ-Ċentru tal-Falkunerija f’Malta li jinsab fis-Siġġiewi, ir-Riserva tal-Għasafar f’Burmarrad, Mediterraneo Marine li jinsab f’Baħar iċ-Ċagħaq u l-Arka ta’ Noe fis-Siġġiewi.

Xi tgħid il-liġi Maltija dwar iż-żamma ta’ annimali perikolużi?

Il-liġi Maltija tati numru ta’ direzzjonijiet lill-persuni li jkunu jixtiequ jrabbu annimal perikoluż. Skont il-liġi, annimali perikolużi jistgħu jiġu mrobbija biss ġo zoos liċenzjati u l-annimal ma jistax jiddaħħal fis-sit qabel ma jkun hemm ittra ta’ kunsens mid-Direttur responsabbli għas-servizzi veterinarju.

Jekk persuna li ma għandhiex zoo tixtieq trabbi annimal perikoluż, tkun trid tapplika għall-permess għaż-żamma ta’ dawn l-annimali. Id-Direttur għandu d-dritt li jaċċetta jew jirrifjuta applikazzjoni.

Intant, il-liġi tgħid li meta wieħed joħloq ambjent addattat għal annimal salvaġġ f’daru, jrid jassigura li ż-żona tkun maqgħluqa b’mod sigur li jkun tajjeb biżżejjed sabiex l-annimal ma jkunx affetwat b’mod negattiv u li minnu jkun impossibbli li l-annimal jaħrab u joħloq periklu lill-pubbliku.

Kull annimal salvaġġ irid jiġi rreġistratu dan isir billi wieħed jindika l-isem, kunjom, numru tal-karta tal-identità u indirizz tal-persuna responsabbli, l-ispeċi tal-annimal, indirizz sħiħ ta’ fejn qed jinżamm, fost informazzjoni oħra li jitolb id-Direttorat.

X’jiġri jekk wieħed jinqabad irabbi annimal salvaġġ mingħajr permess?

Jekk persuna tinqabad trabbi annimal salvaġġ mingħajr il-permessi neċessarji bil-liġi, id-Direttorat għandu d-dritt li jikkonfiska l-annimal u jqiegħdu f’post li huwa awtorizzat li jitrabba fih, jew inkella jbigħu. Il-flus li jidħlu mill-bejgħ tal-annimal jingħataw lill-fond tal-Animal Welfare imbagħad jitqassmu skont kif hemm bżonn mill-Ministru. Intant, il-persuna li tkun kisret il-liġi taqla’ multa li biha tkopri l-ispejjeż kollha li jidħol fihom id-Direttorat kawża tal-ksur tal-liġi.