Tiġi evalwata d-deċiżjoni li tal-Bcom jingħataw kollha zero

Budget2021_University
Miguela Xuereb

L-Università ta’ Malta qed terġa’ tikkunsidra d-deċiżjoni li ħadet li l-istudenti kollha li jistudjaw il-Kummerċ fl-Università ta’ Malta jingħataw zero fi kreditu minħabba li wħud qarrqu waqt żewġ testijiet.

Il-Fakultà tal-Kummerċ irċiviet iktar minn 43 screenshot ta’ chats fuq Facebook Messenger, li juru li kien hemm studenti li ma osservawx ir-regoli.

Kelliem tal-Università ta’ Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li warakonsultazzjoni mal-Uffiċċju tar-Reġistratur qiegħda terġa’ tiġi kkunsidrata d-deċiżjoni li ttieħdet ilbieraħ mill-fakultà.

It-Tnejn li għadda, ġie rrappurtat li l-istudenti tal-klassi mhumiex se jirċievu marki għall-Progress Test 1, wara li ġie magħruf li wħud minnhom qarrqu waqt dawn it-testijiet li jiffurmaw parti minn dan il-kreditur.

Minħabba l-pandemija tal-Covid-19, ħafna mill-fakultajiet addattaw l-istudy units u l-metodi tal-assessjar tagħhom.

Dan is-suġett kien maqsum fi tliet eżamijiet mifruxin matul Diċembru u Jannar. L-ewwel tnejn kienu fl-4 u 18 ta’ Diċembru filwaqt li l-aħħar wieħed kien għad-29 ta’ Jannar.

Sorsi nfurmaw lill-Newsbook.com.mt li waħda mill-konsegwenzi ta’ din id-deċiżjoni se twassal biex student ma jkunx jista’ jġib marka A f’dan is-suġġett partikolari.

Il-Fakultà kienet informat lill-istudenti li f’każijiet fejn jissuspettaw xi qerq, isir eżami ta’ viva-voce u dan jiddetermina r-riżultat tat-test.

Diversi studenti lmentaw dwar din id-deċiżjoni, bi studenta partikolari tgħid li għalxejn nefqet il-flus fuq lezzjonijiet privati u m’użatx il-mowbajl, iżda xorta se tingħata 0. Il-Kunsill Studenti Universitarji ra li din id-deċiżjoni kienet wahda oġġezzjonabbli u insista li l-istudenti affetwati messhom kellhom ċans jesprimu ruħhom qabel ittieħdet deċiżjoni bħal din. Dan esprimewh ukoll l-Assoċjazzjoni Studenteska tal-Istudji fil-Kummerċ.