Tiftħux il-pjagi tal-proxxmu; itfgħu l-balzmu – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech qal li mhix attitudni Kristjana li uħud jiftħu l-pjagi ta’ xulxin. Minflok, hu tenna li għandna nitfgħu l-balzmu fuq il-pjagi tal-proxxmu u ninfaxxawhom. Kif jgħallem il-Papa Franġisku, jeħtieġ li aħna mmissu l-pjagi mhux biss b’idejna imma b’qalbna billi nagħtuhom bewsa. Din hija l-karità li l-Knisja tistedinna nagħmlu fir-Randan. L-Isqof Grech qal dan id-diskors waqt l-omelija fl-Erbgħa tal-Irmied.

L-Isqof Grech fakkar kif din is-sena fid-Djoċesi qed tċċelebra s-sena Marjana u tenna li għalhekk tul ir-Randan wieħed għandu jissieħeb ma’ Marija fil-mixja wara Kristu, għax qal li Marija kienet dik li għexet il-misteru tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien. F’din is-sena, id-Djoċesi qed tfakkar l-400 sena tal-Kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu. Grech tenna li meta ħares lejn il-kwadru ftakar fi Franġisku Portelli li kellu l-kollokji tal-Madonna u li għal sitt darbiet sema’ lill-Madonna titolbu biex ixerred id-devozzjoni lejn il-pjaga l-moħbija ta’ Ġesù. Ir-rabta bejn is-Sena Marjana u l-mixja lejn l-Għid tinsab fil-pjagi ta’ Ġesù li huma sintesi tal-ġrajja tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien. Grech ippropona li wieħed għandu juri devozzjoni lejn il-pjagi mqaddsa ta’ Ġesù b’mod partikolari lejn il-pjaga l-moħbija.

Grech tenna li Ġesù ma kienx ikollu l-pjagi kieku l-umanità ma kinitx hija wkoll miksija bil-pjagi. Kif jgħid San Pietru fl-ewwel diskors li għamel wara Għid il-Ħamsin, aħna sallabna lil Kristu bid-dnub tagħna. Għalhekk il-kontemplazzjoni tal-pjagi ta’ Kristu tfakkarna li aħna msejknin, dgħajfin u midinbin. Dan ngħiduh mhux biex naqtgħu qalbna, imma għaliex dawn il-pjagi huma għajn tal-miżerikordja divina. Appella biex dan ir-Randan ikun mument fejn wieħed jerġa’ jduq il-ħniena bla tarf ta’ Alla.

L-Isqof Grech ħeġġeġ biex fid-dawl tal-messaġġ li l-Madonna Ta’ Pinu fdat lil Franġisk Portelli biex ixerred id-devozzjoni lejn il-pjaga l-moħbija ta’ Ġesù, dawn il-jiem tar-Randan ikunu jiem ta’ riflessjoni, talb u karità, biex meta jasal l-Għid il-Kbir, wieħed ikun jista’ bħal San Tumas jagħmel stqarrija tal-fidi: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”.